Ġeografija u Storja
Ħad Dingli hu mżewwaq b’diversi ħabitati naturali fosthom żoni tal-boskijiet, Għelieqi Mtarrġa, Xagħri, u ħabitats tal-irdum kif ukoll żoni rurali (irziezet) u semi rurali (raħal ta’ Dingli). 

Ħad-Dingli huwa raħal żgħir fit-tarf estrem ta’ Malta, pjuttost imbiegħed miċ-ċentru. Ftit taż-żmien ilu, kien ikkunsidrat diffiċli li tivvjaġġa lejn lokalitajiet oħra ta’ Malta. Anke llum il-ġurnata kważi kulħadd iħoss il-bżonn tal-mezzi tat-trasport privati tiegħu.

Ħarsa lejn iż-żminijiet, lejn il-bidu taċ-ċiviltà f’Malta, nistgħu ninnutaw li Ħad-Dingli kellu l-benefiċċju li jinsab qrib ir-Rabat. Fil-fatt, minn żminijiet antiki sal-Medjuevu, iċ-ċentru ta’ Malta ma kienx il-Belt Valletta (Città Umilissima) imma l-ewwel ir-Rabat u mbagħad l-Imdina (Città Notabile).

Il-Kunsill Popolari li kien imexxi l-Gżira kellu s-sede tiegħu fir-Rabat. Għal bosta sekli, Ħad-Dingli kien parti integrali mill-amministrazzjoni ċivili kemm tar-Rabat kif ukoll tal-Imdina (Città Notabile). Ħad-Dingli kellu l-istess rappreżentanti, l-istess sindku u l-istess tabib. Kien biss b’diffikultà kbira li wieħed seta’ jsib qassis li kien lest jaċċetta li jgħix Ħad-Dingli jew Ħal-Tartarni – post li sorsi storiċi dejjem ikkonfermaw li kellu rabta intima ma’ Ħad-Dingli.

Meta l-Knisja Maltija bdiet il-proċess biex il-Gżira tinqasam f’parroċċi, il-lokalità żgħira ta’ Ħal-Tartarni ma setgħetx tiġi injorata u kellu jinstab xi ħadd li jerfa’ r-responsabbiltà tal-aspett spiritwali tan-nies. Ħal-Tartarni, kienet l-unika żona abitata qrib ta’foresta ċkejkna maħluqa mill-Gran Mastru Verdala lejn l-aħħar tas-seklu ħmistax. Kien hemm knisja żgħira ħafna iddedikata lil Santa Domenika, li m’għadhiex teżisti. Eżatt qabel is-sena 1436, din il-knisja ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Parroċċa.

Għal raġunijiet mhux magħrufa, il-popolazzjoni kollha marret lejn iż-żona msejħa Ħad-Dingli. Jista’ jkun li dan seħħ peress, li l-familja nobbli Inguanez kellha territorji vasti t’art f’dik iż-żona u l-bdiewa impjegati biex jaħdmu l-għelieqi tal-familja Inguanez sabuha konvenjenti iżjed li jmorru Ħad-Dingli, biex b’hekk abbandunaw għal kollox Ħal-Tartarni. Dan il-perjodu jista’ jingħad li jirrappreżenta l-oriġini ta’ dan ir-raħal, magħruf għall-arja pura u mhux ikkontaminata tiegħu.

Dan ir-raħal kien jeżisti u kien popolat anki fi żminijiet pre-istoriċi. X’aktarx f’dak iż-żmien, kien hemm ċerti barrieri minn fejn kien jinqata’ l-ġebel għall-bini ta’ djar f’diversi partijiet tal-Gżira.

Hawn instabu ukoll fdalijiet li jmorru lura għal żmien il-Feniċi u l-Kartaġiniżi. F’dawn l-oqbra mħaffra fil-blat, aktarx kienu jservu sabiex jiġu ikkremati l-mejtin fihom. Dawn il-fdalijiet imorru lura għal kważi 2,800 sena ilu.

L-oqbra Feniċi u Kartaġiniżi kienu wkoll użati mir-Rumani, li kienu jmexxu l-Gżejjer tagħna mis-sena 218 Q.K.. F’Ħad-Dingli m’hemmx distinzjoni ċara bejn perjodu u ieħor. F’Għajn Handful ġew skoperti banjijiet, pixxini u xi strumenti tal-perjodu Ruman. Anke l-lokalità magħrufa bħala Ta’ Baldu, żona li tinsab mhux ‘il bogħod minn Triq Misraħ Suffara, hija bir-raġun magħrufa għall-banjijiet Rumani tagħha maqtugħin fl-għerien. 

L-informazzjoni storika skarsa disponibbli dwar Ħal-Tartarni tagħti xi raġġ ta’ dawl fuq il-perjodu tal-Medjuevu. F’dawk iż-żminijiet, il-Kunsill Popolari, bl-uffiċċji tiegħu flr-Rabat, kellu l-awtorità sħiħa li jiggverna kemm Ħad-Dingli kif ukoll Ħal-Tartarni. Fil-bidu tal-ħakma tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, il-popolazzjoni ta’ dawn l-irħula ma kinitx taqbeż it-tliet mitt ruħ. L-isem ‘Dingli’ x’aktarx ġie mill-kunjom ta’ xi familji Maltin li kellhom l-art f’din iż-żona.

Ħad-Dingli hija lokalità ħdejn il-baħar u mimlija għelieqi ikkultivati, iżda fl-istess ħin tinsab għolja ħafna fuq il-baħar. L-irdumijiet jilħqu għoli ta’ madwar 300 metru – l-ogħla post f’Malta. Għalhekk l-abitanti ma jaqilgħux l-għajxien tagħhom billi jmorru jistadu, iżda billi jaħdmu l-għelieqi tagħhom bi bżulija liema bħala.

L-Irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, fl-imgħoddi kienu ta’ benefiċċju għad-difiża tar-residenti waqt xi attakk mill-Furbani. Dan għaliex l-irdum kien jagħmilha diffiċli għall-Furbani biex jixxabbtu miegħu u dan kien jagħti ħin lid- Dinglin sabiex jilħqu jsibu kenn banda oħra.
Fl-1530, l-Imperatur Karlu V ta lil Malta lill-Kavallieri ta’ San Ġwann bħala fewdu. Il-furbani Misilmin assedjaw u ħadu f’idejhom Għawdex fl-1551 u mbagħad dawru l-attenzjoni tagħhom lejn Malta. Huma raw li kien diffiċli biex jinżlu Ħad-Dingli u taw struzzjonijiet lil furbani l-oħra biex jevitaw dawn l-akwati.

Id-Dinglin jgħożżu devozzjoni kbira lejn il-knisja parrokkjali iddedikata lill-Assunta tal-Verġni Qaddisa. Fl-1678, ir-raħal ġie iddikjarat Parroċċa bil-Kappillan t’ Ħad Dingli.

Ħad-Dingli issa huwa raħal pittoresk li jħares lejn il-futur b’fiduċja. Issa hemm sens ta’ benesseri, li ma setax jiġi previst fil-passat mhux imbiegħed. Il-popolazzjoni żdiedet bi ħmistax-il darba minn sekli ilu. L-istatistika turina li seklu ilu, kien diffiċli li t-tfal jintbagħtu l-iskola. Is-subien kienu jaħdmu fl-għelieqi u l-bniet, minn età ċkejkna, kienu jgħenu fix-xogħol tad-dar. Illum il-ġurnata, Ħad-Dingli joffri eżempji eċċellenti ta’ mobilità soċjali.
Ħad-Dingli huwa l-post fejn twieldu bosta personalitajiet li għamlu ġieħ mhux biss lir-raħal iżda wkoll il-Gżejjer Maltin kollha. Fil-qasam letterarju, wieħed jista’ jsemmi awturi rinnomati bħall-pijunier tal-folklor Dun Xand Cortis u d-drammaturgu Francis Ebejer.

Il-Knisja Kattolika ġiet imbierka bil-patri Dumnikan Walter Ebejer, li ġie ordnat Isqof ta’ djoċesi fil-Brażil. Fil-qasam politiku, in-Nutar Ġużè Abela kien Ministru tal-Finanzi mill-aqwa, li kien rispettat ħafna għall-ġudizzju sod tiegħu u fuq kollox għall-integrità tiegħu.

Illum il-ġurnata, il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli jistħoqqlu tifħir u inkoraġġiment għad-diliġenza kbira tiegħu, għall-isforzi biex jippromwovi l-kultura u fuq kollox għall-impenn tiegħu li jsebbaħ din il-lokalità kemm, moralment kif ukoll fiżikament.