Previous slide
Next slide
Ħad-Dingli huwa raħal żgħir fit-tarf ta’ Malta, pjuttost imbiegħed miċ-ċentru. Ftit taż-żmien ilu, kien ikkunsidrat diffiċli li tivvjaġġa minn Ħad Dingli lejn lokalitajiet oħra ta’ Malta. Anke llum il-ġurnata kważi kulħadd iħoss il-bżonn tal-mezz ta’ trasport privat. Jekk nagħtu ħarsa lejn iż-żminijiet, lejn il-bidu taċ-ċiviltà f’Malta, nistgħu ninnutaw li Ħad-Dingli kellu l-benefiċċju li jinsab qrib ir-Rabat. Fil-fatt, minn żminijiet antiki sal-Medjuevu, iċ-ċentru ta’ Malta ma kienx il-Belt Valletta (Città Umilissima), imma l-ewwel ir-Rabat u mbagħad l-Imdina (Città Notabile).
Il-Kunsill Popolari li kien imexxi l-Gżira kellu s-sede tiegħu fir-Rabat. Għal bosta sekli, Ħad-Dingli kien parti integrali mill-amministrazzjoni ċivili kemm tar-Rabat kif ukoll tal-Imdina (Città Notabile). Ħad-Dingli kellu l-istess rappreżentanti, l-istess sindku u l-istess tabib. Kien biss b’diffikultà kbira li wieħed seta’ jsib qassis li kien lest jaċċetta li jgħix Ħad-Dingli jew Ħal-Tartarni – post li sorsi storiċi dejjem ikkonfermaw li kellu rabta intima ma’ Ħad-Dingli.